Dwar Magna Żmien

Dwar Magna Żmien

Il-proġett Magna Żmien twaqqaf bħala moviment mill-qiegħ fl-2017, biex jippromwovi d-diġitalizzazzjoni u l-preservazzjoni ta’ kollezzjonijiet awdjoviżivi uniċi miżmumin għand individwi u familji, biex jiffurmaw arkivju komunitarju aċċessibbli għar-riċerkaturi u l-artisti.

Matul is-seklu għoxrin, id-dinja bdiet taqbad l-avvenimenti tal-ħajja ta’ kuljum fuq il-film u t-tejp. Il-Maltin ma kinux eċċezzjoni, u rrekordjaw mumenti tal-ħajja tal-familja, is-soċjetà, il-lingwa u l-identità fuq film fotografiku, film 8mm u tejp awdjo. Illum dawn l-artefatti u l-kontenut tagħhom saru parti mill-wirt intanġibbli tagħna.

Magna Żmien daħlet għall-ħidma biex tiġbor u ssalva l-memorji Maltin li kien qegħdin mitluqa jitmermru bil-mod il-mod fuq il-mezzi analoġiċi fejn ġew irreġistrati. B’hekk, bis-saħħa tad-diġitalizzazzjoni, inħelsu minn dawn il-mezzi li kien għadda żmienhom. Is-servizz pubbliku ta’ diġitalizzazzjoni bla ħlas jagħti l-opportunità lill-individwi u lill-komunitajiet l-aċċess għal xbihar, ħsejjes, u narrattivi li qabel kienu mitlufa.

Dan il-kontenut huwa kondiviż fuq il-pjattaformi tagħna u permezz tal-attivitajiet tagħna, filwaqt li nippreżervawh għall-ġenerazzjonijiet futuri, u naraw li nħarsu l-aspett tal-kreditu u nirrispettaw ix-xewqat tad-donatur. Nemmnu li l-materjal kollu li niġbru fl-arkivju tagħna huwa parti mill-wirt komuni tagħna, u li dan il-wirt għandu jiġi kkurat kif xieraq.

L-istorja tagħna

Il-proġett Magna Żmien beda l-ħidma tiegħu fl-2017 bħala parti mill-inizjattivi fi ħdan il-Valletta 2018 – Kapitali Ewropea tal-Kultura. Minn dak iż-żmien ’l hawn, iddiġitalizzajna għażla sinifikanti u prezzjuża ta’ reġistrazzjonijiet analoġiċi minn kollezzjonijiet domestiċi f’Malta u pproduċejna sensiela ta’ avvenimenti u wirjiet bl-użu ta’ dan il-materjal.

F’Diċembru tal-2019, ingħatajna l-Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali mill-Kunsill Malti tal-Arti, li pprovdiena b’appoġġ vitali biex inkomplu l-ħidma tagħna sal-2022. Fl-2019 konna kburin li rċevejna l-Premju għall-Arti tal-Kunsill Malti tal-Arti b’rikonoxximent tal-ħidma tagħna.

L-istudio tagħna

Magna Żmien topera studjo tad-diġitizzazzjoni li jista’ jaħdem b’firxa ta’ formati awdjoviżivi analoġiċi li s-soltu kont issibhom fid-djar matul is-seklu għoxrin. Aħna niddiġitalizzaw il-kollezzjonijiet tagħna billi nużaw l-aħjar tagħmir li nistgħu nakkwistaw b’mod fattibbli, u napplikaw standards tekniċi ta’ prattika tajba, fejn possibbli billi nsegwu l-istandards internazzjonali stabbiliti mill-IASA u l-Library of Congress.

Peress li naħdmu b’formati li spiss huma fraġli u li għandhom ħajja limitata, noqogħdu attenti li niksbu l-aħjar trasferimenti possibbli, billi nżommu f’moħħna li fil-futur jaf ma jkunux possibbli trasferimenti mill-ġdid. It-tim żgħir tagħna ta’ inġiniera jinkludi artisti u riċerkaturi li għandhom esperjenza bil-formati u l-kontenut li jaħdmu bihom.

Formati

Aħna niddiġitalizzaw firxa ta’ formati storiċi ta’ stampi, ħsejjes u xbihat jitħarrku analoġiċi li kienu komuni fid-djar Maltin matul is-seklu għoxrin.

  • Ritratti stampati jvarjaw fid-daqs minn contact prints jew ritratti tal-passaport sa format kbir. Il-kwalità u r-riżoluzzjoni tar-ritratti stampati jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli skont id-daqs tagħhom u t-tip ta’ stampar. Jekk ir-ritratti tiegħek jinsabu f’kotba jew fi gwarniċ, nippruvaw naqilgħuhom biex jiġu skennjati aħjar, jekk possibbli, iżda inkella nistgħu nużaw DSLR jekk dan ma jkunx possibbli.
  • In-negattivi tal-film tipikament jinstabu bħala film ta’ 35 mm, iżda xi drabi bħala formati inqas komuni bħal 110 Instamatic jew 120 Medium Format. Ix-xbiha tan-negattiva tkun invertita, għalhekk ma tistax tidher sew sakemm tiġi diġitalizzata (jew ipproċessata fi prints, li jista’ jagħmilhielk studjo fotografiku professjonali). Jekk jinħażnu f’kundizzjonijiet ambjentali tajbin, in-negattivi tipikament ikun fihom ħafna aktar dettall minn ritratti stampati u jistgħu jitkabbru aktar. L-ewwel negattivi tal-film imorru lura għall-bidu tas-seklu 20.
  • In-negattivi tal-ħġieġ kienu mezz komuni biex tiġi stabbilita xbiha riproduċibbli tul is-seklu dsatax sas-snin 1930. Dawn l-oġġetti huma estremament delikati u suxxettibbli għall-grif u t-tqaxxir tas-saff fotografiku minħabba l-umdità (u ż-żmien). Dawn jistgħu jiġu f’diversi daqsijiet u jistgħu jiġu diġitalizzati f’riżoluzzjoni għolja ħafna.
  • Is-slajds normalment jinstabu bħala trasparenzi ta’ 35 mm, immuntati f’qafas tal-kartun jew tal-plastik. Dawn kienu jintużaw fl-islide projectors u tipikament fihom immaġni tal-kulur b’riżoluzzjoni għolja. Dawn jistgħu jiġu diġitalizzati fil-muntaturi tagħhom — li jista’ jkun fihom test miktub bl-idejn li jindika l-kontenut, jew xi kultant id-data meta ġew stampati mill-iżviluppatur.
  • Film ta’ 8 mm jinstab bħala 8 mm “regolari” jew “normali”, li jibda jidher fis-snin tletin u jsir dejjem aktar popolari sas-snin sittin, meta mbagħad ġie sostitwit mill-varjant ta’ riżoluzzjoni ogħla Super 8 (li jista’ wkoll jirreġistra l-ħoss), u li malajr sar il-format standard tat-8 mm sas-snin tmenin. Iż-żewġ formati huma essenzjalment l-istess, iżda s-Super 8 tipikament ikollu kwalità aħjar minħabba l-frames akbar tiegħu. Kemm il-film sieket kif ukoll dak akustiku tat-8 mm jistgħu jiġu diġitalizzati.
  • It-tejp VHS kien format video komuni mill-aħħar tas-snin sebgħin sas-snin elfejn, u ħa mis-Super 8 bħala l-format preferut tal-utent domestiku. Il-VHS huwa partikolarment suxxettibbli għad-degradazzjoni biż-żmien. Nistgħu wkoll niddiġitalizzaw l-S-VHS (jew Super VHS), li ġie introdott fl-aħħar tas-snin tmenin bħala verżjoni mtejba tal-format tal-VHS. Bħalissa ma nistgħux niddiġitalizzaw it-tejp Betamax, li jidher simili għall-VHS.
  • Fil-Ħamsinijiet deher tejp awdjo miftuħ taż-żigarella bħala mod relattivament irħis u ta’ kwalità għolja biex tirrekordja d-dar, jew f’postijiet pubbliċi b’magna li tista’ tinġarr. Jistgħu jiġu rreġistrati sa erba’ binarji differenti fuq żigarella tal-kwart ta’ pulzier, li jiġu f’diversi tulijiet/ħinijiet ta’ reġistrazzjoni. Il-bobini jew rombli żgħar (b’dijametru ta’ 3″) kienu jintużaw spiss biex jintbagħtu messaġġi jew mużika lil ħbieb u qraba barra mill-pajjiż, filwaqt li dawk akbar (b’dijametru ta’ 5″ – 7″) setgħu jirreġistraw mingħajr interruzzjoni għal siegħa jew aktar, u jirrekordjaw xandiriet tar-radju jew sessjonijiet sħaħ ta’ għana spirtu pront. It-tejps mill-Ħamsinijiet u s-Sittinijiet huma f’riskju partikolari ta’ degradazzjoni rapida.
  • It-tejp tal-awdjokasett ġie introdott f’nofs is-snin sittin bħala varjant minjaturizzat taż-żigarella. Il-qafas tal-plastik kien jagħmilhom robusti u kienu ħafna aktar faċli biex jintużaw u jinħażnu, u saru standard mit-Tmeninijiet sad-Disgħinijiet. Il-kasetts kienu jduru b’veloċità ħafna inqas u fuq zigarella irqaq minn tal-bobina, u għalhekk il-kwalità tagħhom kienet tipikament inferjuri. It-tejp tal-kasetts jinsab f’riskju għoli ta’ degradazzjoni minħabba dawn il-karatteristiċi.
  • Id-diski tal-vinil jew tal-gramofonu tipikament fihom reġistrazzjonijiet kummerċjali, li aħna ma niddiġitalizzawx. Madankollu, xi ‘instant discs’ b’dijametru ta’ 5″- 6 ″ ippressati fuq bażi tal-kartun fihom reġistrazzjonijiet uniċi ta’ messaġġi li ntbagħtu lill-ħbieb u lill-familja barra mill-pajjiż. Aħna interessati wkoll f’reġistrazzjonijiet uniċi Maltin fuq diski tal-vinil jew tas-78 rpm tal-gramofonu.

Magna Żmien ingħatat il-premju Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali tal-Kunsill Malti tal-Arti, 2020–2022.

Magna Żmien ingħatat il-Premju għall-Innovazzjoni tal-Kunsill Malti tal-Arti, 2019.


Fondazzjoni Magna Żmien

Andrew Alamango

Ir-riċerkatur u l-mużiċista Andrew Alamango għandu interess profond fil-wirt mużikali, il-kultura u t-tradizzjoni orali, l-istrumenti u r-repertorju mużikali lokali u Mediterranji. B’MA fix-Xjenzi Arkivjali, jispeċjalizza f’kollezzjonijiet tal-arkivji u reġistrazzjonijiet tal-awdjo relatati mal-istorja soċjopolitika tal-kulturi Mediterranji u huwa interessat fit-tixrid, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-kuntest tal-mużika u t-teatru. Andrew għandu interess speċjali fl-aċċessibbiltà tal-kollezzjonijiet awdjo ta’ interess storiku għal udjenzi differenti permezz ta’ pubblikazzjonijiet, spettakli, taħditiet pubbliċi u workshops.

Andrew Pace

Dr Andrew Pace huwa arkivist u etnomużikologu, imwieled Londra u issa jgħix f’Malta. Għandu dottorat fl-etnomużikoloġija u qatta’ għaxar snin jirriċerka t-tradizzjonijiet mużikali u kulturali fil-komunitajiet Maltin fl-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti. Huwa ġie impjegat fuq riċerka arkivjali u proġetti ta’ involviment tal-komunità mill-British Library, l-IASA, l-UNESCO u jaħdem mad-Dipartiment tad-Diġitalizzazzjoni ta’ Heritage Malta. Andrew jmexxi l-istudio tad-diġitalizzazzjoni ta’ Magna Żmien, u jagħti workshops u lekċers dwar l-arkivju tal-organizzazzjoni.

Margerita Pulè

Margerita Pulè hija artista, kuratriċi u maniġer kulturali, b’Masters fl-Arti. Il-prattika u r-riċerka tagħha jikkonċernaw il-kontradizzjonijiet tal-politika u r-realtajiet soċjali. Waqqfet u tmexxi l-Unfinished Art Space, spazju indipendenti u nomadiku li juri l-arti kontemporanja f’Malta, u bħalissa hija l-editriċi ta’ Artpaper, il-pubblikazzjoni tal-arti ta’ kull tliet xhur ta’ Malta. Proġetti kuratorjali reċenti jinkludu l-wirja kollettiva Strangers in a Strange Land (2020), Hackable Animals (2019), Grand Hotel Europa Part III ta’ Alex Urso (2019) u Daily Bread (2019).

L-għanijiet tagħna

a) Biex jinġabru memorji dwar Malta, il-Maltin u d-dijaspora Maltija miżmuma fuq formati tal-midja awdjoviżiva analoġika u diġitali (inklużi ħsejjes, stampi li jiċċaqilqu, stampi statiċi, u efemera materjali oħra), billi dan il-kontenut jiġi diġitalizzat u migrat għal konservazzjoni fit-tul u għall-aċċess miftuħ.

b) Li tiġi rreġistrata informazzjoni li takkumpanja dan il-kontenut permezz ta’ dokumentazzjoni u riċerka ulterjuri.

c) Li jiġu prodotti interpretazzjonijiet artistiċi u akkademiċi ta’ dan il-kontenut f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-memorja u l-prattikanti tal-arti kreattiva f’Malta u barra mill-pajjiż.

d) Li jiġu pprovduti pariri, konsultazzjoni u programmi edukattivi fi prattiki ta’ preservazzjoni awdjoviżiva lil individwi u organizzazzjonijiet.

L-attivitajiet tagħna

a) Il-ġbir ta’ materjal effimeru awdjoviżiv relatat ma’ Malta, il-migrazzjoni tal-kontenut minn mezzi li għadda żmienhom għal formati aktar stabbli u aċċessibbli, u l-preservazzjoni ta’ dan il-kontenut skont standards internazzjonali tal-arkivjar għal aċċess pubbliku fit-tul.

b) Id-dokumentar tal-komunitajiet f’Malta u d-dijaspora tagħha billi titwettaq riċerka primarja permezz ta’ intervisti, stejjer orali u metodi oħra.

c) It-twettiq ta’ riċerka akkademika u artistika dwar il-wirt kulturali intanġibbli relatat ma’ Malta u t-tixrid tas-sejbiet tagħna billi nipproduċu installazzjonijiet, wirjiet, spettakli, u pubblikazzjonijiet stampati u diġitali, li jużaw mill-ġdid b’mod kreattiv u jerġgħu jinterpretaw dan il-materjal f’kuntesti ta’ involviment pubbliku, f’kollaborazzjoni ma’ prattikanti kreattivi u riċerkaturi f’Malta u barra mill-pajjiż.

d) L-edukazzjoni ta’ individwi u organizzazzjonijiet fl-arkivjar awdjoviżiv u l-iżvilupp ta’ proġetti kreattivi permezz ta’ programmi u sħubijiet ta’ taħriġ formali u informali.

e) L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma mal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali f’Malta u lil hinn minnha.

f)  Il-ġbir ta’ fondi, u b’hekk il-finanzjament, l-għajnuna, l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ proġetti magħżula li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Fondazzjoni.